Daphne u Jien

L-aħħar jiem ġegħluni naħseb ħafna. Ir-riżultat huwa d-deċiżjoni li nibda nikteb dawn il-ħsibijiet f’forma ta’ blogg. Mhux għax għandi xi ħaġa iktar, jew aħjar xi ngħid mill-ħafna kliem li ntqal u li għadu se jintqal; imma għax naħseb li bħali hawn ħafna nies li ma jafux x’jaqbdu jemmnu jew lil min.

Ħa nibda mill-bidu nett: Daphne Caruana Galizia. Il-kitbiet tagħha fl-Independent għall-bidu kont naqrahom, avolja ma nistax ngħid li dejjem qbilt magħhom. Biż-żmien kemm il-gażżetta, kif ukoll il-kitbiet tagħha fiha, għebu ftit ftit minn fuq ir-radar tiegħi. Dan kien ukoll riżultat tal-fatt li biż-żmien il-kitbiet tagħha u l-aċċent tal-gażżetta bdew jisfumaw minn opinjonijiet b’simpatiji politiċi ovvji fi propaganda li tipprova ssostni verita’ u mhux oħra.

Xi żmien wara – naħseb li kienu għaddew is-snin – xi ħadd semmieli u laqqgħani mal-blogg tagħha. Għamilt ftit żmien naqra xi artikli fih, imma wara ftit irrealiżżajt li l-kurżita’ kienet iktar emottiva milli intelletwali. Ma ridtx li naħli ħini ma tqasqis u gossip fuq dak u fuq l-oħra – facebook diġa biżżejjed f’das-sens.

Ir-raġuni ta’ din il-pożizzjoni kienet li ħafna mis-suġġetti tagħha kienu l-ħajjiet privati tan-nies. Ħafna drabi, l-artikli kienu ta’ valur ġurnalistiku dubjuż. Kemm kienet tikkorobora u tikkonferma dak li tikteb, għandi d-dubji tiegħi fuqu, imma ma nistax nikkonfermah. Din il-problema mhix tas-sinjura Caruana Galizia biss. Il-ġurnaliżmu f’pajjiżna huwa fqir, għajr għal xi żewġt’ilħna jidwu f’kakofonija ta’ konġetturi u aġendi personali. Imma dan l-argument jimmerita trattament għalih waħdu.

Għalhekk, filwaqt li kont inkun naf x’inhi tikteb mingħand ħbieb u kollegi, ma nistax ngħid li kont inżomm ruħi aġġornat minuta b’minuta. Dan iktar u iktar meta l-influwenza tal-blogg tagħha fuq in-nies ta’ madwari bdiet iktar tikber madwar l-elezzjoni tal-2013, meta t-ton u l-kwantita’ ta’ kitbiet tagħha bdew jagħtu l-impressjoni ta’ xi ħadd li jinsab fi freneżija isterika. Ikkonkludejt li dan kollu kien riżultat ta’ xi ħadd li għandu x’jitlef b’tibdila fil-gvern, jew x’jaħbi b’tibdila fil-ġerarkiji politiċi ta’ Malta.

Din il-pożizzjoni bdejt niddubita l-validita’ tagħha malli faqqgħet l-istorja tal-Panama Papers. Hawnhekk bdiet il-konfużjoni tiegħi. Ma stajtx nirrikonċilja l-validita’ u l-piż tal-istorja meta kienu ġejjin minn awtur li jien kont skreditajt u b’raġunijiet razzjonali. Ir-risposta llum naħseb li għandha żewġ fili ta’ spjegazzjoni: fuq livell wieħed hija kienet fortunata li binha kien involut b’xi mod fl-investigazzjoni u sabet ruħha b’qasba proverbjalment f’ħoġorha u ċaqċqitha sew; fuq livell ieħor, jien kont żbaljat meta skreditajtha kompletament bħala ġurnalista.

Ir-riżultat ta’ dan kollu huwa li għal żmien twil, minħabba l-preġudizzju tiegħi lejn Daphne u l-artikli tagħha, jien ma emminthiex fuq l-iktar storja ta’ rilevanza li qatt kitbet. B’riżultat t’hekk, tajt iktar kredtu lill-verita’ l-oħra, dik li kienet ġejja mill-kamp li kien il-mira tagħha. Dik li kienet b’xi mod, f’xi forma li għad irridu niskopru l-wisa’ tagħha qed taħbi awl il-korruzzjoni li qed tinkixef fl-aħħar jiem. Ta’ dan jiddispjaċini minn qiegħ ruħi. Inħossni traut u traditur fl-istess ħin. Mhux ta’ Daphne, jew min segwiha u emminha mill-ewwel u f’kollox, imma tiegħi innifsi.

Għaldaqstant ma nistax ħlief niddikjara lili nnifsi wieħed mill-ħmir li meta dendlulu l-karrotti ġarr il-piż li tefgħulu fuq daru u mexa.